Festivals Malta stqarrija
ATTIVITAJIET F’GIEĦ DUN KARM PSAILA / FESTAGHANA FIL HARIFA
Ta’ kull sena fix-xahar t’Ottubru, titfakkar il-memorja tal-Poeta Nazzjonali, Dun Karm Psaila. Dun Karm twieled f’Ħaż-Żebbuġ nhar it-18 ta’ Ottubru fl-1871 u miet nhar it-13 ta’ Ottubru 1961.
Festivals Malta, permezz tal-Kumitat Festi Nazzjonali, se tkun qed tfakkar il-Poeta b’ċerimonja ta’ tqegħid ta’ kuruni mal-monument tiegħu nhar it-Tlieta 13 ta’ Ottubru, fl-10 ta’ filgħodu. Għal din iċ-ċerimonja se jieħu sehem il-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali Dr Malcolm Paul Agius Galea, flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Furjana, rappreżentanti minn Festivals Malta, u l-Akkademja tal-Malti.
Apparti din l-attività, nhar il-Ħamis 22 ta’ Ottubru se tittella’ serata kommemorattiva fil-Palazz tal-President, f’San Anton, Ħ’Attard. Matul is-serata se jiġi ppreżentat approfondiment fuq parti mill-Poema Il-Jien u Lil Hinn Minnu. Din is-serata, li l-attendenza tagħha hi strettament bl-invit, se tixxandar LIVE wkoll fuq il-paġna ta’ facebook ta’ Festivals Malta.
______________________________
Festgħana jkompli fil-ħarifa bi tlett ijiem ta’ għana, memorja, riċerka u komunità
L-ewwel edizzjoni ta’ Festgħana fil-Ħarifa se ssir bejn is-16 u t-18 t’Ottubru 2026, b’programm mifrux bejn iż-Żejtun, il-Palazz Verdala u l-Furjana.
Festgħana qed ikompli lil hinn mill-edizzjoni prinċipali tiegħu ta’ Mejju bit-tnedija tal-ewwel Festgħana fil-Ħarifa, tlett ijiem ta’ attivitajiet li jqiegħdu l-għana Malti fil-qalba tal-memorja, ir-riċerka, il-komunità u t-trażmissjoni bejn il-ġenerazzjonijiet.
Il-programm li huwa taħt id-direzzjoni artistika ta’ Prof. Toni Sant, li se jsir bejn is-16 u t-18 t’Ottubru 2026, jgħaqqad mumenti ta’ tifkira, diskussjoni akkademika, għana live u opportunitajiet għal vuċijiet ġodda, filwaqt li jħares lejn l-għana mhux biss bħala wirt tal-passat, iżda bħala tradizzjoni ħajja li tkompli tinbidel, tikber u tiġi mgħoddija.
Il-programm jiftaħ nhar il-Ġimgħa 16 t’Ottubru fiż-Żejtun bil-kxif tal-monument ta’ Fredu Abela ż-Żejtuni, f’serata ddedikata lill-ħajja, il-kontribut u r-rabta tiegħu mal-għana Malti u mal-komunità Żejtunija. L-attività se toħloq spazju fejn il-memorja tiegħu tkompli tgħix fil-komunità li magħha kien marbut.
L-għada, is-Sibt 17 t’Ottubru, il-Palazz Verdala jilqa’ L-Għana Malti Ħaj Illum – Simpożju Nazzjonali dwar l-Għana Malti. Is-simpożju huwa organizzat mir-Reġjun Punent, b’kollaborazzjoni ma’ Festivals Malta, id-Direttorat tal-Kultura u l-Fondazzjoni M3P.
Matul ġurnata sħiħa, riċerkaturi, akkademiċi, prattikanti u membri tal-komunità se jesploraw temi bħall-preservazzjoni u l-arkivjar, il-kuntesti mużikali tal-għana, l-oralità u l-improvizzazzjoni, it-trażmissjoni tal-għarfien u r-rabta tal-għana mal-Wirt Kulturali Intanġibbli tal-UNESCO. Il-programm tas-simpożju jinkludi erba’ panels tematiċi u diskussjoni kollettiva dwar il-futur tal-għana Malti.
Il-programm tas-Sibt jintemm b’sessjoni ta’ għana fil-ġnien tal-Palazz Verdala minn Ġużeppi Spagnol u d-daqqaqa tiegħu, flimkien ma’ riċeviment.
Festgħana fil-Ħarifa jintemm nhar il-Ħadd 18 t’Ottubru waqt Ġenna ta’ Ġonna fil-Furjana. Bejn l-10:30am u l-11:30am, Għannejja Ġodda jerġa’ jagħti spazju lil vuċijiet emerġenti biex jipprattikaw u jikbru fi ħdan it-tradizzjoni. Minnufih wara, bejn il-11:30am u n-12:30pm, il-programm ikompli b’Għana Spirtu Pront, fejn il-kelma, il-mużika u l-improvizzazzjoni jingħaqdu f’waħda mill-aktar forom ħajjin tal-għana Malti.
L-attivitajiet tal-Ħadd qed isiru b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Furjana, li qed jerġa’ jilqa’ lil Festgħana bħala parti minn Ġenna ta’ Ġonna.
Permezz ta’ din l-edizzjoni ġdida, Festgħana qed ikompli jsaħħaħ il-preżenza tal-għana matul is-sena kollha, filwaqt li joħloq spazji fejn ir-riċerka, il-prattika, il-memorja u l-komunità jistgħu jiltaqgħu.
Aktar informazzjoni dwar il-programm tinsab fuq www.festivals.mt/festghana.





Comments